BishopAccountability.org

Il-vittmi tal-abbużi sesswali minn qassisin se jmorru fil-Qorti Ewropea

iNews
January 28, 2017

http://www.inewsmalta.com/article.php?ID1=47181


[Victims of sexual abuse by priests in Malta will go to the European Court.]

Il-vittmi ta' abbużi sesswali minn tliet qassisin, liema vittmi ilhom 13-il sena jistennew li ssir ġustizzja magħhom billi jingħataw kumpens finanzjarju, issa permezz tal-avukati tagħhom talbu lill-Qorti biex tagħti is-sentenza. Fl-aħħar seduta li kellhom quddiem il-Qorti tal-Appell, huma talbu li tingħata s-sentenza. Il-vittmi issa qed jagħmluha ċara li l-ħsieb tagħhom hu li  jkomplu l-ġlieda quddiem il-Qorti Ewropea. 

Lawrence Grech f'kumment lil Inewsmalta qal li "fl-aħħar jiem kompla jinstema' l-appell wara li s-seduti ta' qabel kienu għal tliet darbiet differiti. L-avukati tagħna talbu li mmorru għas-sentenza. Is-seduta li jmiss hi fil-15 ta' Marzu. Wara il-ħsieb tagħna hu li niftħu proċeduri quddiem il-Qorti Ewropea". 

Il-kawża għall-kumpens infetħet mill-allegati vittmi tal-abbuż sesswali f'Mejju tal-2013. Il-vittmi Lawrence Grech, Joseph Magro, Lenard Camilleri, David Cassar, Noel Dimech, Angelo Spiteri, Raymond Azzopardi, Charles Falzon, Phillip Gauci u Joseph Mangion.

Lawrence Grech ilmenta kif l-Arċisqof Charles J. Scicluna għal raġunijiet li għadhom mhux  magħrufin baqa' ma ltaqax magħhom personalment. Kien l-Arċisqof Pawl Cremona li ltaqa' mal-vittmi u hu kien iddikjara li “tlabt maħfra f'isem il-Knisja għat-tbatijiet li għaddew minnhom dawn iż-żgħażagħ kif ukoll għad-dewmin minn naħa tar-Response Team tal-Knisja”.

Ta' min jgħid li xhur ilu l-vittmi ta' abbużi sesswali minn tliet qassisin, kienu fetħu kawża biex l-Imħallef Joseph R. Micallef ma jismax il-kawża ta' kumpens li huma fetħu kontra l-Knisja. Lawrence Grech spjegalna li huma tilfu din il-kawża u appellaw. Issa huma qed jintolbu li jingħataw is-sentenza ħalli jieħu passi oħra.
Irid jingħad li l-Arċidjoċesi ta' Malta f'rikors ġurumentat li kienet ippreżentat fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, kienet saħqet li mhix legalment responsabbli għal atti kriminali li wettqu l-patrijiet Godwin Scerri u Charles Pulis, li kienu ngħataw sentenza ta’ ħabs wara li nstabu ħatja fuq akkużi ta’ abbuż ta’ tfal.
Kienet enfasizzat li  dak li hemm allegat kontra tagħha hu preskritt b’sentejn. Apparti minn hekk, l-Arċidjoċesi argumentat li r-responsabiltà ta’ dak li ġara qatt ma tista' tkun kollettiva. Dan aktar u aktar meta l-allegazzjoni hija mibnija fuq dak li għamlu l-patrijiet Pulis u Scerri.

Fil-proċeduri li kienu bdew isiru fil-Qorti, Lawrence Grech kien xehed li "kont iltqajt ma' Mons. Charles Scicluna fir-residenza tiegħu f'Ħal Lija. Huwa kien qalli serraħ rasek għax se nagħtuk l-għajnuna. Qalli wkoll li din is-sitwazzjoni hija farsa u mhix aċċettabbli li r-'response team' dam tmien snin biex jiddeċiedi,” xehed Grech.
Kien qal ukoll li Mons. Scicluna kien talab apoloġija u tahom parir biex ifittxu lill-Knisja għad-danni. Ftit wara l-vittmi kienu ltaqgħu mal-Papa Benedittu, meta huwa kien żar Malta fl-2010. “Iżda minkejja kollox, bqajna bil-bibien magħluqin,” qal Grech.
Vittma ieħor kien xehed li kien mar il-Kurja u ltaqa' ma uffiċjal u dan għamillu appuntament ma' ħaddiema soċjali, psikjatra u psikologa. Hu kien xehed li “Kien ikollna appuntament kull xahar. Kull meta jagħmluli din il-laqgħa neċċita ruħi. Għedtilhom li qed nieħu kedda kbira għax jien inbati minn dipressjoni. Erġajt iltqajt magħhom u qaluli li biex jgħinuni se jagħtuni l-pirmli. Kont mort b'dawn il-pilloli għand it-tabib tiegħi, u wrejtu x'qed jagħtuni u qalli li kieku minnek ma neħodhomx għax lanqas kont inkun nista' mmur għax-xogħol għax torqod ħafna bihom,” kien qal ix-xhud.

Fl-aħħar jiem tas-sena li għaddiet il-Vatikan ippubblika ittra li l-Papa Franġisku bagħat lill-Isqfijiet kollha madwar id-dinja fl-aħħar ta' Diċembru u fiha hu jirreferi għal abbużi sesswali li sofrew tfal minn membri tal-kleru.
Hu kiteb li "dan hu dnub li jġegħelna nistħu". Hu jiddeskrivi wkoll bħala dnub kemm dak li sar, kemm in-nuqqas ta' għajnuna, kif ukoll meta każi bħal dawn inħbew. 
Hu talab lill-Isqfijiet biex ikunu kommessi li jaraw li atroċitajiet simili ma jerġgħux iseħħu. Dan filwaqt li sejjaħ għal tolleranza zero għal każi bħal dawn.




.


Any original material on these pages is copyright © BishopAccountability.org 2004. Reproduce freely with attribution.